Bini tal-kapaċità fil-qasam tal-Isport
Il-proġetti tal-Bini tal-Kapaċitajiet huma proġetti ta’ kooperazzjoni internazzjonali bbażati fuq sħubijiet multilaterali bejn organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-isport fil-Programm u pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm fir- Reġjun 1 (il-Balkani tal-Punent) u r-Reġjun 2 (il-Viċinat tal-Lvant). Dawn għandhom l-għan li jappoġġaw l-attivitajiet u l-politiki tal-isport f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm bħala mezz biex jiġu promossi l-valuri kif ukoll bħala għodda edukattiva biex jiġi promoss l-iżvilupp personali u soċjali tal-individwi u ħalli jinbnew komunitajiet aktar koeżivi.
Objettivi tal-azzjoni
L-azzjoni se jkollha l-għan li:
- issaħħaħ il-kapaċità tal-organizzazzjonijiet sportivi għad-dilettanti;
- tħeġġeġ il-prattika tal-isport u tal-attività fiżika f’pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm;
- tippromwovi l-inklużjoni soċjali permezz tal-isport;
- tippromwovi valuri pożittivi permezz tal-isport (bħal logħob ġust, tolleranza, spirtu ta’ tim);
- trawwem il-kooperazzjoni bejn reġjuni differenti tad-dinja permezz ta’ inizjattivi konġunti.
Oqsma tematiċi/objettivi speċifiċi
Il-proposti għandhom jiffokaw fuq ċerti oqsma tematiċi definiti fl-istadju tal-programmazzjoni. Eżempji ta’ oqsma partikolarment rilevanti huma:
- il-promozzjoni ta’ valuri komuni, in-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri permezz tal-isport;
- l-iżvilupp tal-ħiliet (permezz tal-isport) meħtieġ biex jittejjeb l-involviment soċjali ta’ gruppi żvantaġġati (eż. l-indipendenza, it-tmexxija eċċ.);
- l-integrazzjoni tal-migranti;
- ir-rikonċiljazzjoni ta’ wara l-kunflitt.
Attivitajiet
L-attivitajiet proposti jridu jkunu marbuta direttament mal-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-azzjoni, jiġifieri jridu jikkorrispondu ma’ qasam tematiku wieħed jew aktar elenkati hawn fuq u jridu jkunu dettaljati f’deskrizzjoni tal-proġett li tkopri l-perjodu kollu ta’ implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta’ din l-azzjoni internazzjonali dinjija, l-attivitajiet tal-proġett iridu jiffokaw fuq il-bini u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet sportivi u prinċipalment fil-pajjiżi mhux assoċjati mal-Programm mir-Reġjun 1 jew mir-Reġjun 2.
Il-proġetti ffinanzjati se jkunu jistgħu jintegraw firxa wiesgħa ta’ kooperazzjoni, skambju, komunikazzjoni u attivitajiet oħrajn li jinkludu pereżempju:
- il-ħolqien u l-iżvilupp ta’ networks bejn organizzazzjonijiet/pajjiżi/reġjuni;
- l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki/ideat;
- l-implimentazzjoni ta’ attivitajiet sportivi komuni u avvenimenti sekondarji edukattivi;
- it-tnedija, l-ittestjar, il-kondiviżjoni u l-implimentazzjoni ta’ forom ġodda ta’ metodi, għodod, prattiki u materjali ta’ apprendiment mhux formali permezz ta’ taħriġ prattiku u mobbiltà tal-persunal tal-isport;
- is-sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati fl-isport;
- l-appoġġ għall-bini ta’ soċjetà ċivili involuta u attiva.
Stabbiliment ta’ proġett
Proġett tal-Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-isport jikkonsisti f’erba’ stadji, li jibdew qabel ma tintgħażel il-proposta tal-proġett għall-finanzjament1 – l-identifikazzjoni u l-bidu tal-proġett, it-tħejjija, it-tfassil u l-ippjanar tal-proġetti, l-implimentazzjoni tal-proġett u l-monitoraġġ tal-attivitajiet u r-rieżami tal-proġett u l-valutazzjoni tal-impatt.
L-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-parteċipanti involuti fl-attivitajiet għandhom jieħdu rwol attiv f’dawk l-istadji kollha u b’hekk isaħħu l-esperjenza tal-apprendiment tagħhom.
- Identifikazzjoni u bidu: identifika problema, ħtieġa jew opportunità li tista’ tindirizza bl-idea tal-proġett tiegħek fil-kuntest tas-sejħa; identifika l-attivitajiet ewlenin u l-eżiti prinċipali li jistgħu jkunu mistennija mill-proġett; immappja l-partijiet ikkonċernati rilevanti u s-sħab potenzjali; ifformula l-objettiv(i) tal-proġett; żgura l-allinjament tal-proġett mal-objettivi strateġiċi tal-organizzazzjonijiet parteċipanti; wettaq xi ppjanar inizjali biex il-proġett jingħata bidu tajjeb, u ġabar flimkien l-informazzjoni meħtieġa biex titkompla l-fażi li jmiss eċċ.
- Tħejjija, tfassil u ppjanar: speċifika l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett u l-approċċ xieraq; iddeskrivi b’mod ċar il-metodoloġija proposta filwaqt li tiżgura l-konsistenza bejn l-objettivi u l-attivitajiet tal-proġett; iddeċiedi dwar skeda għall-kompiti involuti; agħmel stima tar-riżorsi meħtieġa u żviluppa d-dettall tal-proġett eż. valutazzjoni tal-ħtiġijiet; iddefinixxi objettivi sodi u indikaturi tal-impatt (speċifiċi, li jistgħu jitkejlu, li jistgħu jintlaħqu, li huma rilevanti u marbuta biż-żmien); identifika l-eżiti tal-proġett u tal-apprendiment; l-iżvilupp ta’ programm ta’ ħidma, formati ta’ attività, impatt mistenni, baġit kumplessiv stmat; it-tħejjija ta’ pjan ta’ implimentazzjoni tal-proġett u pjan ta’ komunikazzjoni sod u realistiku li jinkludi aspetti strateġiċi tal-governanza tal-proġett, il-monitoraġġ, il-kontroll tal-kwalità, ir-rapportar u t-tixrid tar-riżultati; id-definizzjoni ta’ arranġamenti prattiċi u l-konferma tal-grupp(i) fil-mira għall-attivitajiet previsti; l-istabbiliment ta’ ftehimiet mas-sħab u l-kitba tal-proposta eċċ.
- Implimentazzjoni u monitoraġġ tal-attivitajiet: it-twettiq tal-implimentazzjoni tal-proġett skont pjanijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti għar-rapportar u l-komunikazzjoni; il-monitoraġġ tal-attivitajiet li għaddejjin u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont il-pjanijiet tal-proġett; l-identifikazzjoni u t-teħid ta’ azzjoni korrettiva biex jiġu indirizzati d-devjazzjonijiet mill-pjanijiet u biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet u r-riskji; l-identifikazzjoni ta’ nuqqasijiet ta’ konformità mal-istandards tal-kwalità stabbiliti u t-teħid ta’ azzjonijiet korrettivi eċċ.
- Rieżami u valutazzjoni tal-impatt: il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-proġett skont l-objettivi tal-proġett u l-pjanijiet ta’ implimentazzjoni; l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u l-impatt tagħhom fuq livelli differenti, kondiviżjoni u użu tar-riżultati tal-proġett, eċċ.
Aspetti orizzontali li għandhom jiġu kkunsidrati fit-tfassil ta’ proġett
Minbarra l-konformità mal-kriterji formali u l-istabbiliment ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sostenibbli mas-sħab kollha tal-proġett, l-elementi li ġejjin jistgħu jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impatt u l-implimentazzjoni kwalitattiva tal-proġetti tal-Bini tal-Kapaċità matul il-fażijiet differenti tal-proġett. L-applikanti huma mħeġġa jqisu dawn l-opportunitajiet u d-dimensjonijiet meta jfasslu l-proġetti tagħhom.
Inklużjoni u Diversità
Erasmus+ ifittex li jippromwovi l-opportunitajiet indaqs u l-aċċess, l-inklużjoni u l-ġustizzja fl-azzjonijiet kollha tiegħu. Sabiex jiġu implimentati dawn il-prinċipji, tfasslet l-Istrateġija għad-Diversità u l-Inklużjoni biex tappoġġa sensibilizzazzjoni aħjar lill-parteċipanti minn sfondi aktar diversi, b’mod partikolari dawk b’inqas opportunitajiet li jiffaċċjaw ostakli ħalli jipparteċipaw fi Proġetti Ewropej. L-organizzazzjonijiet għandhom ifasslu attivitajiet ta’ proġetti aċċessibbli u inklużivi, filwaqt li jqisu l-fehmiet tal-parteċipanti b’inqas opportunitajiet u jinvolvuhom fit-teħid tad-deċiżjonijiet matul il-proċess kollu.
Sostenibbiltà ambjentali
Il-proġetti għandhom jitfasslu b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u għandhom jinkorporaw prattiki ekoloġiċi fl-aspetti kollha tagħhom. L-organizzazzjonijiet u l-parteċipanti għandu jkollhom approċċ li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent meta jfasslu l-proġett, li se jħeġġeġ lil dawk kollha involuti fil-proġett biex jiddiskutu u jitgħallmu dwar kwistjonijiet ambjentali, filwaqt li jirriflettu dwar x’jista’ jsir f’livelli differenti u jgħin lill-organizzazzjonijiet u lill-parteċipanti sabiex joħorġu b’modi alternattivi u aktar ekoloġiċi ta’ implimentazzjoni ta’ attivitajiet tal-proġett.
Dimensjoni diġitali
Il-kooperazzjoni virtwali u l-esperimentazzjoni b’opportunitajiet ta’ apprendiment virtwali u mħallta huma essenzjali għal proġetti ta’ suċċess.
Valuri komuni, involviment ċiviku u parteċipazzjoni
Il-proġetti se jappoġġaw iċ-ċittadinanza attiva u l-etika, kif ukoll irawmu l-iżvilupp ta’ kompetenzi soċjali u interkulturali, il-ħsieb kritiku u l-litteriżmu medjatiku. L-enfasi se tkun ukoll fuq is-sensibilizzazzjoni u l-fehim tal-kuntest tal-Unjoni Ewropea fid-dinja.
Liema huma l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfati biex wieħed japplika għal proġett ta’ bini tal-kapaċità fil-qasam tal-isport?
Kriterji tal-eliġibbiltà
Sabiex ikunu eliġibbli għal għotja tal-Erasmus, il-proposti ta’ proġetti għal Bini tal-Kapaċità fil-qasam tal-Isport iridu jikkonformaw mal-kriterji li ġejjin:
Min jista’ japplika?
Sabiex ikunu eliġibbli, l-applikanti (benefiċjarji u entitajiet affiljati, jekk applikabbli) jeħtiġilhom:
- ikunu entitajiet legali (korpi pubbliċi jew privati)
- ikunu attivi fil-qasam tal-isport ikunu stabbiliti fi Stat Membru tal-UE jew f’pajjiż terz assoċjat mal-Programm jew f’pajjiż terz mhux assoċjat mal-Programm mir-Reġjun 1 (il-Balkani tal-Punent) jew ir-Reġjun2 (il-Viċinat tal-Lvant) 2 .
Il-koordinatur tal-konsorzju jrid ikun organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ.
Organizzazzjonijiet bħal dawn jistgħu, pereżempju, ikunu:
- korp pubbliku li jieħu ħsieb l-isport fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali;
- organizzazzjoni sportiva fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali;
- Kumitat Olimpiku Nazzjonali jew konfederazzjoni Nazzjonali tal-Isport;
- organizzazzjoni li tirrappreżenta l-moviment “sport għal kulħadd”;
- organizzazzjoni attiva fil-qasam tal-promozzjoni tal-attività fiżika;
- organizzazzjoni li tirrappreżenta s-settur tad-divertiment attiv.
Kompożizzjoni tal-konsorzju
Il-proġetti ta’ Bini tal-Kapaċità huma tranżnazzjonali u jinvolvu mill-inqas erba’ organizzazzjonijiet minn minimu ta’ tliet pajjiżi u jirrispettaw il-kundizzjonijiet li ġejjin.
- Minimu ta’ entità waħda u massimu ta’ żewġ organizzazzjonijiet minn Stati Membri tal-UE jew minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm. Jekk ikunu involuti 2 organizzazzjonijiet, dawn ma jistgħux ikunu mill-istess Stat Membru tal-UE jew pajjiż terz assoċjat mal-Programm.
- Minimu ta’ żewġ organizzazzjonijiet minn tal-inqas pajjiż terz eliġibbli wieħed mhux assoċjat mal-Programm mir-Reġjun 1 (il-Balkani tal-Punent) jew ir-Reġjun 2 (il-Viċinat tal-Lvant). Organizzazzjonijiet mir-Reġjun 1 u mir-Reġjun 2 ma jistgħux jipparteċipaw fl-istess proposta (jiġifieri s-sħubijiet inklużi r-Reġjuni 1 u 2 ma humiex eliġibbli).
In-numru ta’ organizzazzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE u minn pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm ma jistax ikun ogħla min-numru ta’ organizzazzjonijiet minn pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm. L-entitajiet affiljati u s-sħab assoċjati ma jgħoddux għall-kompożizzjoni tal-konsorzju.
Post ġeografiku (post tal-attivitajiet)
L-attività trid issir fil-pajjiżi tal-organizzazzjonijiet li jipparteċipaw fl-attività ħlief f’każijiet iġġustifikati kif xieraq relatati mal-objettivi tal-azzjoni.
Barra minn hekk:
- l-attivitajiet jistgħu jsiru wkoll fis-sede ta’ Istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea, anke jekk fil-proġett ma jkunx hemm organizzazzjonijiet parteċipanti mill-pajjiż li jospita l-Istituzzjoni;
- l-attivitajiet li jinvolvu l-kondiviżjoni u l-promozzjoni tar-riżultati jistgħu jsiru wkoll f’avvenimenti/konferenzi tranżnazzjonali tematiċi rilevanti fl-Istati Membri tal-UE jew fil-pajjiżi terzi assoċjati mal- Programm jew fil-pajjiżi terzi mhux assoċjati mal-Programm.
Durata tal-proġett
Il-Proġetti ta’ bini tal-kapaċitajiet normalment idumu bejn 12 u 36 xahar. Id-durata trid tintgħażel fl-istadju tal-applikazzjoni, abbażi tal-objettiv tal-proġett u tat-tip ta’ attivitajiet previsti tul iż-żmien. Jistgħu jsiru estensjonijiet, jekk ikunu debitament iġġustifikati u permezz ta’ emenda tal-Ftehim ta’ Għotja.
Fejn napplika?
Mal-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Edukazzjoni u għall-Kultura (EACEA).
ID tas-Sejħa: ERASMUS-SPORT-2025-CB
Meta napplika?
L-applikanti għandhom jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom għal għotja sal-5 ta’ Marzu fil-17:00:00 (ħin ta’ Brussell).
L-organizzazzjonijiet applikanti se jiġu vvalutati skont il-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla rilevanti. Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ikkonsulta l-Parti C ta’ din il-Gwida.
Impatt mistenni
Il-proġetti mogħtija għandhom juru l-impatt mistenni tagħhom billi:
- iżidu l-parteċipazzjoni u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet sportivi għad-dilettanti;
- iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa f’attivitajiet sportivi u fiżiċi;
- itejbu l-involviment soċjali ta’ gruppi żvantaġġati;
- itejbu l-kapaċità tas-settur tal-isport biex jaħdem b’mod tranżnazzjonali bil-kura tal-inklużività, is-solidarjetà u s-sostenibbiltà;
- jippromwovu u jikkontribwixxu għall-apprendiment u l-kooperazzjoni tranżnazzjonali bejn iż-żgħażagħ sportivi u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, b’mod partikolari fil-pajjiżi terzi eliġibbli mhux assoċjati mal-Programm;
- ixerrdu r-riżultati tagħhom b’mod effettiv u attraenti fost iż-żgħażagħ sportivi involuti fl-organizzazzjonijiet tal-isport.
KriterjiGħall-għoti
Rilevanza tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- ir-rilevanza tal-proposta għall-objettivi tal-Azzjoni;
- il-proposta hija rilevanti għar-rispett u l-promozzjoni ta’ valuri kondiviżi tal-UE, bħar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-ġlieda kontra kwalunkwe tip ta’ diskriminazzjoni;
- kemm:
- l-objettivi huma ddefiniti b’mod ċar, huma realistiċi u jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti għall-organizzazzjonijiet parteċipanti u l-gruppi fil-mira;
- il-proposta tkun innovattiva u/jew komplementari għal inizjattivi oħrajn li diġà twettqu mill-organizzazzjonijiet parteċipanti;
- l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità huma ddefiniti b’mod ċar u għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet parteċipanti.
Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
- iċ-ċarezza, il-kompletezza u l-kwalità tal-programm ta’ ħidma, inkluż fażijiet xierqa għat-tħejjija, għall-implimentazzjoni, għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għat-tixrid;
- l-adegwatezza u l-kwalità tal-metodoloġija proposta biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati;
- il-konsistenza bejn l-objettivi tal-proġett u l-attivitajiet proposti;
- il-kwalità u l-effettività tal-pjan ta’ ħidma, inkluż kemm ir-riżorsi assenjati għall-pakketti ta’ ħidma huma konformi mal-objettivi u r-riżultati tanġibbli tagħhom;
- il-kwalità tal-metodi ta’ apprendiment mhux formali proposti; jekk ikun hemm;
- l-eżistenza u r-rilevanza tal-miżuri ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-proġett tkun ta’ kwalità għolja, titlesta fil-ħin u tkun skont il-baġit;
- kemm il-proġett huwa kosteffettiv u jalloka riżorsi xierqa għal kull attività.
Kwalità tas-sħubija u tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni (punteġġ massimu ta’ 20 punt)
- Kemm:
- il-proġett jinvolvi taħlita xierqa ta’ organizzazzjonijiet parteċipanti komplimentari bil-profil, l-esperjenza u l-għarfien espert meħtieġa biex iwettqu b’suċċess l-aspetti kollha tal-proġett;
- id-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet u l-kompiti turi l-impenn u l-kontribuzzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet parteċipanti kollha;
- l-eżistenza ta’ mekkaniżmi effettivi għall-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet parteċipanti, kif ukoll ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn.
Impatt (punteġġ massimu ta’ 30 punt)
- il-kwalità tal-miżuri għall-evalwazzjoni tal-eżiti tal-proġett;
- l-impatt potenzjali tal-proġett:
- fuq il-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet parteċipanti matul u wara l-ħajja tal-proġett;
- barra l-organizzazzjonijiet u l-individwi li ħadu sehem direttament fil-proġett, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u/jew internazzjonali;
- il-kwalità tal-pjan ta’ tixrid: l-adegwatezza u l-kwalità tal-miżuri mmirati lejn il-kondiviżjoni tal-eżiti tal-proġett fi ħdan l-organizzazzjonijiet parteċipanti u barra minnhom;
- jekk ikun rilevanti, il-proposta tiddeskrivi kif il-materjali, id-dokumenti u l-media prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma jkunx fihom limitazzjonijiet sproporzjonati;
- Il-kwalità tal-pjanijiet biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-proġett: il-kapaċità tiegħu li jibqa’ jkollu impatt u jipproduċi riżultati wara li tkun intużat l-għotja tal-UE.
Sabiex jitqiesu għall-finanzjament, il-proposti jridu jġibu tal-inqas 60 punt (minn 100). Barra minn hekk, irid ikollhom punteġġ ta’ mill-inqas nofs il-punti tal-punteġġ massimu f’kull waħda mill-kategoriji tal-kriterji għall-għoti msemmija hawn fuq.
Il-proposti ex aequo se jingħataw prijorità skont il-punteġġi li ngħataw għall-kriterju tal-għoti “Rilevanza”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Kwalità tat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġett”. Meta dawn il-punteġġi jkunu ugwali, il-prijorità tkun ibbażata fuq il-punteġġi tagħhom għall-kriterju “Impatt”.
Jekk dan ma jippermettix li tiġi ddeterminata l-prijorità, tista’ ssir prijoritizzazzjoni ulterjuri billi jitqies il-portafoll tal-proġett ġenerali u l-ħolqien ta’ sinerġiji pożittivi bejn il-proġetti, jew fatturi oħrajn relatati mal-objettivi tas-sejħa. Dawn il-fatturi se jiġu ddokumentati fir-rapport tal-bord.
Fil-limiti tal-oqfsa legali nazzjonali u Ewropej eżistenti, ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli bħala riżorsi edukattivi miftuħa (OER) kif ukoll fuq pjattaformi rilevanti, professjonali, settorjali jew tal-awtoritajiet kompetenti. Il-proposta se tiddeskrivi kif id-data, il-materjali, id-dokumenti u l-attività tal-media awdjoviżiva u soċjali prodotti se jkunu disponibbli bla ħlas u kif se jiġu promossi permezz ta’ liċenzji miftuħa, u ma tinkludix limitazzjonijiet sproporzjonati.
X’inhuma r-regoli ta’ finanzjament?
Din l-azzjoni ssegwi mudell ta’ finanzjament ta’ somma f’daqqa. L-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ somma waħda f’daqqa se jiġi ddeterminat għal kull għotja abbażi tal-baġit stmat tal-azzjoni proposta mill-applikant. L-awtorità tal-għoti se tistabbilixxi s-somma f’daqqa ta’ kull għotja bbażata fuq il-proposta, ir-riżultat tal-evalwazzjoni, ir-rati ta’ finanzjament u l-ammont massimu tal-għotja stabbilit fis-sejħa.
L-għotja tal-UE għal kull proġett għandha tvarja bejn EUR 100,000 and EUR 200,000.
Kif tiġi ddeterminata s-somma f’daqqa tal-proġett?
L-applikanti jeħtiġilhom jimlew tabella tal-baġit dettaljata skont il-formola tal-applikazzjoni, filwaqt li jqisu l-punti li ġejjin:
- il-baġit għandu jkun dettaljat kif meħtieġ mill-benefiċjarju/i u organizzat f’pakketti ta’ ħidma koerenti (pereżempju maqsum f’“ġestjoni tal-proġetti”, “taħriġ”, “organizzazzjoni tal-avvenimenti”, “preparazzjoni u implimentazzjoni tal-mobbiltà”, “komunikazzjoni u tixrid”, “assigurazzjoni tal-kwalità”, eċċ.);
- il-proposta trid tiddeskrivi l-attivitajiet koperti minn kull pakkett ta’ ħidma;
- fil-proposta tagħhom, l-applikanti jeħtiġilhom jipprovdu tqassim tal-kostijiet stmati li juri s-sehem għal kull pakkett ta’ ħidma (u, fi ħdan kull pakkett ta’ ħidma, is-sehem assenjat lil kull benefiċjarju u entità affiljata);
- il-kostijiet deskritti jistgħu jkopru l-kostijiet tal-persunal, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, il-kostijiet tat-tagħmir u tas-subkuntrattar kif ukoll kostijiet oħrajn (bħat-tixrid tal-informazzjoni, il-pubblikazzjoni jew it-traduzzjoni).
Il-proposti se jiġu evalwati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni standard bl-għajnuna tal-esperti interni u/jew esterni. L-esperti se jivvalutaw il-kwalità tal-proposti, skont ir-rekwiżiti definiti fis-sejħa u l-impatt, il-kwalità u l-effiċjenza mistennija tal-azzjoni.
Wara l-evalwazzjoni tal-proposta, l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni se jistabbilixxi l-ammont tas-somma f’daqqa, filwaqt li jqis is-sejbiet tal-valutazzjoni mwettqa. Ir-rata ta’ kofinanzjament ta’ 80 % se tiġi applikata għall-kostijiet eliġibbli totali stmati ddeterminati wara l-evalwazzjoni.
Il-parametri tal-għotja (l-ammont massimu tal-għotja, eċċ.) se jiġu stabbiliti fil-Ftehim ta’ Għotja.
Il-kisbiet tal-proġett se jiġu evalwati fuq l-eżiti mwettqa. L-iskema ta’ finanzjament tippermetti li ssir enfasi fuq l-outputs aktar milli fuq l-inputs, u b’hekk titqiegħed enfasi fuq il-kwalità u l-livell tal-kisba tal-objettivi li jistgħu jitkejlu.
Aktar dettalji huma deskritti fil-mudell tal-Ftehim ta’ Għotja disponibbli fil-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE.
- Jekk jogħġbok innota li filwaqt li l-attivitajiet preparatorji jistgħu jibdew qabel ma l-proposta tiġi sottomessa jew magħżula għall-finanzjament, il-kostijiet jistgħu jiġġarrbu u l-attivitajiet jiġu implimentati biss wara l-iffirmar tal-ftehim ta’ għotja. ↩ back
- L-organizzazzjonijiet mill-Belarussja ma humiex eliġibbli biex jipparteċipaw f’din l-azzjoni. Organizzazzjonijiet mill-Armenja u mill-Ażerbajġan huma eliġibbli li jipparteċipaw, iżda mhux bħala koordinaturi. ↩ back